33760265088_93380d8a25_o.jpg

Linji Gwida għall-2021

Kuntest

Il-Premju għall-Arti huwa ċ-ċelebrazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti tal-kisbiet ewlenin tal-industriji kulturali u kreattivi Maltin. Kif enfasizzat fl-istrateġija Create2020, il-Premjijiet se jagħtu rikonoxximent lill-individwi u l-organizzazzjonijiet li eċċellaw fil-kontribuzzjoni tagħhom għall-avvanz tas-setturi kulturali u kreattivi Maltin. Il-Premju għall-Arti huwa inizjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti.

 

Edizzjoni speċjali

Fl-2020 affaċċjajna diversi sfidi. Il-ħajjiet tagħna qishom waqfu għal mument peress li rajna r-rutini tagħna ta’ kuljum mistoqsija u l-ispazji familjari magħna jagħlqu l-bibien tagħhom. Wara din il-pawża qasira, ħafna minna kienu wkoll milquta minn sens ta’ urġenza sabiex nadattaw il-prattiki tagħna għal realtà ġdida. Aħna ġejna mpoġġija f’pożizzjoni fejn kellna nieħdu azzjoni maħsuba sewwa imma immedjata sabiex il-ħajja tkun tista’ tkompli, biex ix-xogħol tagħna jkun jista’ jkompli u għall-prattika tagħna sabiex jinkseb sens ġdid ta’ rilevanza. Fi żmien meta t-teatri, il-galleriji, il-mużewijiet u l-ispazji artistiċi ingħalqu u d-distanza fiżika saret in-norma, il-komunità kulturali u kreattiva ssaħħet. F’temp ta’ ġranet, l-iżolament ttrasforma f’esperjenza ġdida. Aħna stajna npoġġu fil-kumdità ta’ darna u naraw it-teatru, l-opri, iż-żfin, nisimgħu l-mużika b’mod dirett, inżuru gallariji virtwali u nħossuna parti minn komunità.

Il-Premju għall-Arti ma setax jinjora din is-sena straordinarja, u l-isforzi u l-isfidi affaċċjati mill-organizzazzjonijiet u l-artisti fl-adattament għal dawn iċ-ċirkostanzi. Din l-edizzjoni speċjali, il-Premju għall-Arti 2021, se tirrikonoxxi dawn il-kisbiet straordinarji u tħabbar żewġ premjijiet speċjali u erbgħa unuri mhux kompetittivi.

Perijodi ta’ żmien speċifikati

Il-perijodu ta’ eliġibilità għal dawn il-premjijiet speċjali huwa bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u t-30 ta’ Settembru 2020. Il-produzzjonijiet u l-proġetti li saru bejn l-1 ta’ Ottubru 2019 u l-14 ta’ Marzu 2020 huma eliġibbli għall-Premju għall-Arti 2022.

Il-formoli tan-nomini għall-edizzjoni speċjali tal-COVID-19 jistgħu jintefgħu sal-31 ta’ Diċembru 2020 (nofsinhar). In-nomini għall-Premju għall-Arti 2021 li jintefgħu wara d-data tal-għeluq għat-tfigħ mhux se jiġu aċċettati.

In-nomini għall-Premju għall-Arti 2022 huma aċċettati matul is-sena. It-tħabbir tal-persuni nominati għall-Premju għall-Arti 2021 se jannsir fi Frar 2021, id-data taċ-ċerimonja uffiċċjali tal-premjijiet se tkun imħabbra fiż-żmien dovut.

Il-proċess tan-nomini għall-premjijiet huwa bbażat fuq sejħa miftuħa għan-nomini. In-nomini għall-unuri qedgħin jiġu aċċettati. Dawn se jkunu evalwati minn bord intern.

Kategoriji

 

Premjijiet Kompetittivi

  • Premju għall-Aqwa Inizzjattiva waqt l-imxija tal-COVID-19

  • Premju għall-Aqwa Produzzjoni waqt l-imxija tal-COVID-19

Unuri mhux Kompetittivi

  • Unur għall-Karriera Artistika

  • Unur għall-Promoturi Kulturali

  • Unur għall-Wirt Artistiku

  • Unur għall-Ambaxxatur fl-Arti

Premju għall-Aqwa inizjattiva waqt il-pandemija tal-COVID-19

Dan il-premju se jirrikonoxxi l-entitajiet privati (l-organizzazzjonijiet, il-kumpaniji attivi fis-settur kulturali u kreattiv u artisti impjegati għal rashom) li urew il-ħsieb u l-prattika l-iktar innovattivi fil-ħolqien ta’ inizjattivi biex jikkumbattu l-limitazzjonijiet ikkawżati mill-pandemija globali tal-COVID-19.

L-entitajiet li jirċievu dan il-premju offrew lill-pubbliku opportunità sabiex jipprattika l-prattika artistika u kreattiva, jinvolvi ruħu mal-mezz u joħolqu sens ta’ komunità u appartenenza.

Il-proġetti eliġibbli jistgħu jkunu l-ħolqien ta’ pjattaforma, inizjattivi ġodda jew proġetti u produzzjonijiet diġitali maħluqa b’mod speċifiku waqt il-pandemija u għall-arti, il-kultura jew il-patrimonju. 

 

Sabiex isir argument b’saħħtu għal dan il-premju, il-persuna nominata għandha bżonn tikkunsidra u tirrispondi għall-mistoqsijiet li ġejjin:

• L-inizjattiva ħadmet favur u laħqet l-għola livelli ta’ eċċellenza fil-livelli artistiċi u ta’ produzzjoni?

• L-inizjattiva proponiet kollaborazzjonijiet importanti u sinifikanti ma’ artisti, entitajiet, imsieħba u/jew aġenti soċjali oħrajn?

• L-inizjattiva ikkontribwixxiet għall-iżvilupp tal-komunità artisitka u/jew tal-udjenzi artistiċi?

• L-inizjattiva kienet ta’ involviment għall-udjenza fil-mira tagħha?

• L-inizjattiva proponiet approċċ innovattiv fil-metodoloġija matul ir-riċerka, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni, b’mod partikolari fl-użu tal-midja u t-teknoloġiji ġodda?

 

Premju għall-Aqwa Produzzjonijiet waqt il-pandemija tal-COVID-19

Dan il-premju jirrikonoxxi l-produzzjoni artistika u kreattiva li tispikka l-aktar preżentata waqt il-perijodu affetwat mill-pandemija tal-COVID-19 f’termini tal-kwalità tax-xogħol, l-impatt tagħha fuq is-settur tal-arti kemm b’mod nazzjonali, u jekk rilevanti, b’mod internazzjonali kif ukoll l-għarfien kritiku ġenerali. Il-proġetti proposti jistgħu jkunu proġetti, wirjiet, kunċerti, esibizzjonijiet u films artistiċi, xogħlijiet artistiċi interdixxiplinarji u xogħlijiet awdjoviżivi preżentati permezz ta’ kwalunkwe forma ta’ preżentazzjoni pubblika.

L-Organizzazzjonijiet Pubbliċi Kulturali, l-organizzazzjonijiet indipendenti, il-kumpaniji attivi fis-setturi kulturali u kreattivi u l-artisti impjegati għal rashom huma eliġibbli sabiex japplikaw.

Sabiex isir argument b’saħħtu għal dan il-premju, in-nominatur għandu bżonn jikkunsidra u jwieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin: 

• Ix-xogħol laħaq l-ogħla livelli ta’ eċċellenza fil-livelli artistiċi u ta’ produzzjoni?

• Ix-xogħol nominat irċieva għarfien kritiku pożittiv sinifikanti?

• Jekk rilevanti, ix-xogħol propona kollaborazzjonijiet rilevanti u sinifikanti ma’ artisti, entitajiet u/jew imsieħba oħrajn?

• Ix-xogħol nominat pprovda opportunitajiet għall-iżvilupp artistiku tal-artisti u l-kollaboraturi involuti?

• Ix-xogħol ħalla impatt fuq l-ekoloġija kreattiva nazzjonali?

Unur għall-karriera

Dan il-premju se jirrikonoxxi individwu li matul ħajtu/ħajjitha għamel kontributi kreattivi sinifikanti għas-settur kulturali u kreattiv ta’ Malta.

L-individwi biss jistgħu jkunu nominati għall-premju.

Sabiex isir argument b’saħħtu għal dan il-premju, in-nominatur għandu bżonn jikkunsidra u jirrispondi għall-mistoqsijiet li ġejjin:

  • L-individwu kiseb kisbiet personali u għarfien kritiku pożittiv sinifikanti?

  • L-individwu għamel kontribuzzjonijiet li jispikkaw l-aktar u dejjiema għas-settur kulturali u kreattiv ta’ Malta?

  • L-individwu għamel kontribuzzjonijiet li jispikkaw l-aktar u dejjiema sabiex javvanzaw, jippromwovu u/jew itejjbu s-settur kulturali u kreattiv lokali?

 

Unur għall-Promuturi Kulturali

Dan il-premju se jirrikonoxxi individwi, gruppi jew organizzazzjonijiet li ħallew marka sinifikanti fuq is-settur kreattiv lokali u/jew internazzjonali. Dawk li jirċievu l-premju huma dawk li fil-kapaċità personali jew professjonali tagħhom kebbsu, influwenzaw, iffinanzjaw u kellhom impatt pożittiv fuq l-ekoloġija kreattiva nazzjonali u/jew internazzjonali.

 

Sabiex isir argument b’saħħtu għal dan il-premju, in-nominatur għandu bżonn jikkunsidra u jirrispondi għall-mistoqsijiet li ġejjin:

 

  • L-organizzazzjoni jew l-individwu kkontribwixxew b’mod sinifikanti għas-settur kulturali u kreattiv lokali permezz tal-finanzjament ta’ proġetti, pjattaformi u inizjattivi kreattivi?

  • L-organizzazzjoni jew l-individwu ppermettew l-aċċess fil-kapaċità personali jew professjonali tagħha/tagħhom għal pjattaformi u/jew netwerks li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-ekoloġija kreattiva nazzjonali u/jew internazzjonali?

  • L-organizzazzjoni/l-individwu għamlu kontribuzzjonijiet sinfikanti li jispikkaw l-aktar għas-settur kulturali u kreattiv ta’ Malta?

 

Unur għall-Wirt Artistiku

Dan il-premju se jirrikonoxxi individwi, gruppi jew organizzazzjonijiet li permezz tal-attivitajiet tagħhom jippromwovu l-kultura Maltija. Dawk li jirċievu l-premju huma individwi jew organizzazzjonijiet li jippromwovu l-valuri soċjali, it-tradizzjonijiet, l-użanzi, il-prattiki u l-estetika nazzjonali li jenfasizzaw il-kultura Maltija u jżommu t-tradizzjoni fiċ-ċentru tal-attività tagħhom.

Sabiex isir argument b’saħħtu għal dan il-premju, in-nominatur għandu bżonn jikkunsidra u jirrispondi għall-mistoqsijiet li ġejjin:

 

  • L-organizzazzjoni jew l-individwu ikkontribwixxew b’mod sinifikanti għas-settur kulturali u kreattiv lokali permezz tal-promozzjoni tal-patrimonju kulturali u artistiku ta’ Malta fir-riċerka, il-preservazzjoni, il-produzzjoni u r-rappreżentanza tagħhom?

  • L-organizzazzjoni jew l-individwu fil-kapaċità personali jew professjonali tagħha/tiegħu involvew ruħhom mal-komunità sabiex jippromwovu l-wirt kulturali u artistiku?

  • L-organizzazzjoni/l-individwu għamlu kontribuzzjonijiet sinifikanti li jispikkaw l-aktar għas-settur kulturali u kreattiv ta’ Malta?

 

Unur għall-Ambaxxatur tal-Arti

Dan il-premju se jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni li tispikka l-aktar ta’ individwu fir-rappreżentanza u l-kontribut għall-industriji kulturali u kreattivi fil-gżejjer Maltin. Dawk li jirċievu l-premju huma individwi li jippromwovu u jirrapreżentaw għall-avvanz tal-identità kulturali ta’ Malta fuq pjattaformi nazzjonali u internazzjonali.

Sabiex isir argument b’saħħtu għal dan il-premju, in-nominatur għandu bżonn jikkunsidra u jirrispondi l-mistoqsijiet li ġejjin:

 

  • L-individwu rrapreżenta għall-arti u l-kultura fuq pjattaformi nazzjonali u internazzjonali?

  • L-organizzazzjoni/l-individwu għamlu kontribuzzjonijiet li jispikkaw l-aktar lis-settur kulturali u kreattiv ta’ Malta?

 

Nomini

Imla’ l-formola onlajn, in-nomini għall-edizzjoni speċjali tal-Premju għall-Arti 2021 se jkunu aċċettati sal-Ħamis 31 ta’ Diċembru, f’nofsinhar. Il-formoli mibgħuta wara d-data tal-għeluq mhux se jitqiesu. In-nomini għall-istaġun tal-2019/2020 (Ottubru sa Marzu) u l-istaġun tal-2020/2021 (sa mill-1 ta’ Ottubru 2020 jekk jitneħħew il-miżuri tal-COVID-19) se jkunu aċċettati matul is-sena.

 

Wara li jkunu mitfugħa, it-tim tal-Premju għall-Arti se jipproċessa l-applikazzjonijiet u jikkuntattja l-artist jew il-produttur tax-xogħol nominat, dawk nominati jistgħu jirrifjutaw jew jaċċettaw in-nomina tagħhom billi jissottomettu d-dokumentazzjoni mitluba (Appendiċi A).

 

In-nomini jistgħu jiġu mitfugħa minn individwi, organizzazzjonijiet kif ukoll entitajiet pubbliċi u/jew privati Maltin jew ibbażati f’Malta, skont il-kategorija. In-nomini tal-kandidati lilhom infushom huma aċċettati wkoll. F’każ ta’ gruppi jew kollettivi, dawn għandhom bżonn li jkunu primarjament ibbażati u joperaw mill-gżejjer Maltin.

 

Membri tat-tim ta’ organizzazzjoni tal-Premju għall-Arti ma jistgħux jinnominaw kandidat u/jew lilhom infushom għall-premjijiet. Il-membri tal-bord li nnominaw kandidat u/jew lilhom infushom għall-premjijiet ma jistgħux iservu fuq il-bord ta’ ġudikatura ta’ dak il-premju.

 

Fil-każ tal-unuri il-ġurija tirriżerva d-dritt sabiex tinnomina l-individwi, jekk in-nominazzjonijiet riċevuti ma jilħqux ir-rekwiżiti tal-kategorija.

 

Kwalunkwe mistoqsijiet dwar il-proċess ta’ nominazzjoni u/jew il-Premjijiet għandhom jintbagħtu lil awards@artscouncil.mt

 

Il-proċess tal-għażla

Il-formoli ta’ nominazzjoni kollha huma evalwati skont il-kriterji u d-domandi stabbiliti, kif imsemmi hawn fuq. Il-formoli eliġibbli se jkunu vvalutati minn Ġurija magħmula minn evelwaturi esterni u rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Arti. Il-membri tal-Ġurija se jkunu magħżula skont l-esperjenza professjonali tagħhom relatata mal-kategoriji u l-forom speċifiċi tal-arti. Il-membri tal-ġurija jistgħu jassessjaw iktar minn kategorija waħda. Fil-każ tal-erbgħa unuri, il-Ġurija se tkun komposta mir-rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Is-sottomissjonijiet kollha se jkunu mmarkati mill-Ġurija. Sabiex tikkwalifika għall-premju, is-sottomissjoni trid tikseb minn tal-inqas 60 marka. F’każijiet fejn nominazzjoni waħda biss hija sottomessa għal kategorija speċifika, is-sottomissjoni xorta tkun trid tikseb il-marka minima ta’ 60, imbgħad dik is-sottomissjoni tkun ir-rebbieħa awtomatika ta’ dik il-kategorija.

F’każ ta’ parità bejn żewġ jew iktar sottomissjonijiet li jistgħu jagħmlu impatt fuq l-ordni tal-klassifika tan-nominati fl-istadju ta’ valutazzjoni, il-valutaturi se jiġu mistiedna sabiex jassessjaw is-sottomissjonijiet mill-ġdid u jkun stabbilit it-tieni ordni ta’ klassifika aġġornat. Dan il-proċess jista’ jiġi ripetut sakemm tiġi stabbilita lista qasira ċara. Il-ħames l-ogħla sottomissjonijiet se jkunu mħabbra bħala n-nominati tal-Premju għall-Arti 2021.

Fl-eventwalità ta’ nomina waħda biss f’kategorija speċifika, din in-nomina mhux se tkun imħabbra waqt il-lejl tan-nominati imma se tkun imħabbra b’mod dirett waqt iċ-ċerimonja tal-premjijiet. In-nomini għall-unuri mhux se jkunu mħabbra waqt l-avveniment tan-nominati. L-ebda informazzjoni dwar il-proċess tal-għażla mhi se tinħareġ qabel in-notfika tar-riżultat uffiċjali. Kwalunkwe forma ta’ soliċitar se jiddisklwafika n-nominazzjoni b’mod awtomatiku.

 

Kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-Kunsill Malti għall-Arti, kwalunkwe koordinatur inkarigat u l-Ġurija se jkunu kkunsidrati bħala kunfidenzjali, kemm waqt u wara l-proċess ta’ valutazzjoni.

 

Trofew

Fil-lejl tal-Premjijiet, ir-rebbieħa se jkunu ppreżentati bi trofew prestiġġjuż tal-Kunsill Malti għall-Arti kkreat u żviluppat mill-artist Kane Cali.

 

Ilmenti

L-ilmenti kollha se jkunu trattati b’kunfidenzjalità. In-nominaturi jew in-nominati jistgħu jagħmlu ilment rigward l-anomaliji u l-irregolaritajiet tal-proċeduri waqt il-proċess ta’ sottomissjoni u valutazzjoni f’termini tal-proċeduri stipulati f’dawn il-Linji Gwida u r-Regolamenti. Ma jistgħux isiru ilmenti rigward:

  • Il-politiki u l-proċeduri tal-Kunsill Malti għall-Arti jew tal-Gvern ta’ Malta

  • Il-merti tan-nomina f’termini tal-kriterji stipulati f’dawn il-Linji Gwida u r-Regolamenti.

  • In-nominaturi jew in-nominati biss jistgħu jitfgħu ilment rigward in-nomina.

 

Tfigħ ta’ ilment

L-ilmenti għandhom isiru bil-miktub u għandhom ikunu ċari kemm jista’ jkun. L-ilment għandu jiddikjara r-raġunijiet għall-ilment, waqt li jipprovdi spjegazzjoni u ġustifikazzjoni dettaljata ssapportjati minn dokumentazzjoni jew testimonjanzi rilevanti bħala r-raġuni li dak li għamel l-ilment iqis li l-irregolaritajiet saru fil-proċedura/i stipulata f’dawn il-Linji Gwida u r-Regolamenti jew fl-istandard tal-regoli u r-regolamenti tal-governanza tajba li jiggvernaw is-settur pubbliku. Id-deċiżjoni fi tmiem il-proċess tal-ilment għandha tkun finali. L-ilmenti għandhom bżonn isiru lid-Direttur tal-Istrateġija u l-Fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti fi żmien ħamest (5) ijiem ta’ xogħol mir-riċevuta tad-deċiżjoni. Normalment inti se tirċievi risposta għall-ilment tiegħek fi żmien għaxart (10) ijiem ta’ xogħol.

 

F’każ li ma tkunx soddisfatt bir-risposta, l-Kunsill għall-Arti Malti se jikkonvjeni Bord li se jiddiskuti iktar l-ilment tiegħek. Jekk tapproċċja l-proċedura ta’ ilmenti tagħna, inti tkun qed taċċetta li aħna nkunu nistgħu nużaw informazzjoni dwar in-nomina tiegħek sabiex nindirizzaw l-ilment. Id-deċiżjoni tal-Bord hija finali.

 

Ikkuntattjana

Għal iktar informazzjoni, tista’ ċċemplilna fuq 23397020 jew tibgħatilna email fuq awards@artscouncil.mt

Arts Council Malta
TG Complex Suite 1, Level 1
Brewery Street
Mriehel BKR 3000

 

Tel: +356 2334 7201/02

  • Facebook
  • Twitter
  • Instagram
  • LinkedIn
  • YouTube
  • SoundCloud